« Ġieli jagħti l-każ li, jien u naħseb fuq ktieb li qed naqra, nibda nara f’kotba jew xogħlijiet oħrajn l-istess ħsieb, jew mod ta’ ħsieb mhux wisq ’il bogħod minnu, tant li nibda nissuspetta li fil-fatt qed jgħidu l-istess ħaġa, li l-kwistjoni qed jarawha mill-istess perspettiva. U allura, x’kumbinazzjoni li qed naqra żewġ jew tliet kotba miktubin fi żminijiet għalkollox differenti li qed jipproponu l-istess ħsieb! L-istess jiġrili jien u nikteb. Nibda nhewden fuq idea li mbagħad nibda naraha f’kull kitba oħra li naqra. Għadni kif qrajt it-traduzzjoni mill-Grieg Antik għall-Malti tal-Frammenti ta’ Saffo, ta’ Warren Bartolo. Jien u naqra n-noti u l-kummenti tat-traduttur, dwar x’inhu, skont hu, is-sinifikat ta’ Saffo llum, dwar it-traduzzjoni bħala proċess ta’ trasformazzjoni u mutazzjoni, dwar il-ħarsa queer ta’ Saffo, moħħi beda joħodni mingħajr ma rrid għaż-żewġ kotba l-oħra li kelli ħdejja. »
Noti: Dysphoria mundi ta’ Paul B. Preciado huwa ppubblikat minn Grassett, 2022. “The Carrier Bag Theory of Fiction” ta’ Ursula K. Le Guin ġie ippubblikat għall-ewwel darba fl-1988. L-edizzjoni li ntużat hawn hija ta’ Terra Ignota, 2019, b’introduzzjoni ta’ Donna Haraway. L-esej huwa disponibbli online. Making Kin not Population: Reconceiving Generations, ta’ Donna Haraway, huwa ppubblikat minn University of Chicago Press, 2018. Il-Wirja ta’ Louise Bourgeois The Woven Child kienet il-Hayward Gallery fl-2022. Ma mère rit ta’ Chantal Akerman huwa ppubblikat minn Gallimard, 2013. No Home Movie huwa dokument ċinematografiku tal-istess perjodu fil-ħajja ta’ Akerman u ommha. Għal informazzjoni dwar it-traduzzjoni tal-klassiċi għall-Malti, ara dan l-esej fuq il-website. Verżjoni ta’ Saffo bil-Franċiż ta’ Renée Vivien mill-1903 hija disponibbli online. If Not, Winter: Fragments of Sappho ta’ Anne Carson huwa pubblikazzjoni Vintage, 2002. Ħassartek, huwa ppubblikat mill-awtur Matthew Schembri, 2021. Il-kwotazzjoni tal-aħħar meħuda minn Les Guérillères ta’ Monique Wittig, Les Éditions de Minuit, 2021. Il-ktieb kien ħareġ għall-ewwel darba fl-1969.
https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-il-lanza-il-labra-il-qoffa-l-azzarin/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.