« Erġajt lura Malta. U ilni ġa sena hawn. Bla ħsieb kienet din, ġita tas-sajf bħal kull sena oħra iżda din id-darba fost affarijiet oħra, kienet aħbar kerha li żammitni hawn. Ejja ngħidu li kien u għadu jagħmel sens li jien, Romeo, ninsab hawn. Sirna nafu li missieri kellu kanċer fl-istonku, ikrah ferm, tal-biża’ waħx. Imnalla kellu l-għasafar biex jedha u lil ommi, li hi l-pilastru tal-familja u mingħajrha ma nagħmlu xejn. Imnalla kellna ftit minn dawn l-għasafar id-dar magħna għax lil ommi ħabbewha wisq, u hi lilhom. Ommi tqala waħda kellha, u ħarġulha tnejn f’daqqa. Ifhem, mhux eżatt hekk l-istorja. Kellha tissielet miegħi sew biex ħarġitni. Ara oħti, dik ħarġet qisha kienet fuq żurżieqa llubrikata biż-żejt. Hekk nimmaġinaha, nieżla gass mal-pjanċa daqslikieku kienet l-iSplash & Fun. It-tabib kien ħaseb li tewmin tifla u tifel kien ħa jkollha ommi. Imma meta ħriġt jien ma kellix saħħa nitkellem (aħseb u ara kemm kellha ommi miskina, wara battikata bħal dik) u ma stajtx ngħidilhom li jien tifel inħoss li ridt inkun u mhux tifla. Iddeċidew għalina u kitbuna tifla u tifla. Kemm jien u kemm oħti konna nafu li żbaljaw, imma għedna: forsi dan żball li bilfors kellu jseħħ. Naħlef li ma kienx għaddieli minn moħħi li żbalji bħal dawn kienu ħa jibqgħu jkarkru s’issa. Għalaqt 32 sena s-sajf l’għadda; Lulju u l-Iljun. »
Din is-silta hija meħuda mill-ewwel abbozz ta’ Qarn, li huwa pubblikazzjoni Aphroconfuso 2025.
Noti: In a Queer Time & Place: Transgender Bodies, Subculture Lives ta’ Jack Halberstam huwa ppubblikat minn NYU Press, 2005. Il-Ħabs: L-Istorja tal-Ħabsijiet f’Malta (1800-2000) ta’ Edward Attard huwa maħruġ minn PEG, 2007 (2000). Il-Ħarsa ta’ Rużann (1985) ħareġ f’ħafna edizzjonijiet minn Klabb Kotba Maltin, l-aħħar waħda fl-2011.
https://aphroconfuso.mt/romeo-roxman-gatt-qarn/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.